Stqarrija ta’ Privatezza tal-Pjattaforma u tal-Komunitajiet ta’ Futurium
PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI TIEGĦEK
Werrej
- Introduzzjoni
- Għaliex nipproċessaw id-data tiegħek?
- Liema data niġbru u nipproċessaw?
- Għal kemm żmien inżommu d-data tiegħek?
- Kif nipproteġu d-data tiegħek?
- Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?
- X’inhuma drittijietek u kif tista’ teżerċitahom?
- Informazzjoni ta’ kuntatt
Introduzzjoni
Din l-istqarrija ta’ privatezza tikkonċerna l-Pjattaforma ta’ Futurium u l-attivitajiet kollha relatati mal-Komunitajiet ta’ Futurium (bħall-parteċipazzjoni online fuq il-pjattaforma). Hi tispjega r-raġuni għall-ipproċessar, għall-mod kif niġbru, nittrattaw u niżguraw il-protezzjoni tad-data personali kollha pprovduta, kif dik l-informazzjoni tintuża, u liema drittijiet tista’ teżerċita b’rabta mad-data tiegħek. L-istituzzjonijiet Ewropej huma marbuta li jipproteġu u jirrispettaw il-privatezza tiegħek. Peress li dan is-servizz jiġbor u jipproċessa iktar id-data personali, japplikaw regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data[1]. Il-Pjattaforma ta’ Futurium hija proprjetà tal-Kummissjoni Ewropea; il-Komunitajiet ta’ Futurium huma amministrati mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (DĠ CONNECT), Direttorati Ġenerali oħra.
[1]Ir-Regolament 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.
Għaliex nipproċessaw id-data tiegħek?
Niġbru u nużaw l-informazzjoni personali tiegħek biex namministraw il-Komunitajiet ta’ Futurium stabbiliti mid-DĠ CONNECT, Direttorati Ġenerali oħra jew Aġenziji Eżekuttivi. Il-ġbir u l-użu tad-data tiegħek jippermettulna nistabbilixxu s-sħubija tiegħek fi ħdan komunità, nikkuntattjawk fir-rigward ta’ attivitajiet online u offline relatati mal-komunità u niżguraw il-parteċipazzjoni tiegħek fihom, u biex ikollna ħarsa ġenerali tad-diversi tipi ta’ membri tal-komunitajiet.
L-operazzjonijiet tal-ipproċessar ta’ data personali għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-Komunitajiet ta’ Futurium huma legali skont l-Artikolu 5(d) tar-Regolament 2018/1725, billi l-utent jipprovdi l-kunsens tiegħu/tagħha qabel ma jsir membru. L-iskop tal-Komunità ta’ Futurium rispettiva u kull deċiżjoni ta’ politika relatata huma stabbiliti fid-dettall fit-tab “Dwarna” fis-sit web tal-Komunità tas-sit web tal-Futurium.
Liema data niġbru u nipproċessaw?
Nipproċessaw id-data personali meħtieġa għall-ħolqien tal-kont tiegħek fis-sit web ta’ Futurium, li jippermettilek tipparteċipa fil-Komunitajiet ospitati mill-pjattaforma online ta’ Futurium, u għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ Komunitajiet differenti.
Oqsma obbligatorji li jridu jimtlew meta toħloq kont:
- Isem, kunjom,
- Indirizz tal-email.
Din id-data ssir parti mill-kont tal-utent tiegħek.
L-amministratur tas-sistema jirċievi l-indirizz IP tiegħek jekk ma jkunx mgħotti.
Oqsma fakultattivi li tista’ timla meta toħloq profil jinkludu, b’mod partikolari:
- Post: belt, pajjiż,
- Avatar jew ritratt tal-profil
- Suġġett, interess rappreżentat,
- Informazzjoni ta’ kuntatt professjonali: isem tal-kumpanija, funzjoni.
Oqsma obbligatorji li jridu jiġu pprovduti meta tingħaqad ma’ komunità:
Tista’ tinġabar data personali oħra meta tingħaqad ma’ komunità speċifika: pereżempju, tista’ tintalab tipprovdi informazzjoni dwar il-motivazzjoni tiegħek biex tingħaqad u l-isfond professjonali u l-esperjenza tiegħek li huma rilevanti għal komunità partikolari.
Utenti rreġistrati tal-pjattaforma jistgħu fi kwalunkwe każ jipprovdu informazzjoni addizzjonali, li wħud minnha tista’ tkun fiha data personali:
- Artikli,
- Kummenti,
- Stampi, fajls ta’ test,
- Links, eż. għal filmati.
Jekk jogħġbok innota li l-Kummissjoni ma titlobx u lanqas tistenna li l-parteċipanti f’Futurium jinkludu (i) kategoriji speċjali ta’ data skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2018/1725 (jiġifieri “data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika bl-iskop li tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali ta’ persuna fiżika u l-orjentazzjoni sesswali”) jew (ii) data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati kif previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament 2018/1725, relatati magħhom infushom jew ma’ terzi persuni fil-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-komunitajiet ta’ Futurium. Kwalunkwe inklużjoni ta’ dawn it-tipi ta’ data personali hija r-responsabbiltà tal-parteċipant. Il-moderatur jista’ jiddeċiedi li jħassar datapersonali bħal din abbażi ta’ valutazzjoni ta’ każ b’każ.
Għal kemm żmien inżommu d-data tiegħek?
Id-DĠ CONNECT iżomm id-data tiegħek sakemm ikunu meħtieġa azzjonijiet ta’ segwitu għall-Komunità ta’ Futurium ikkonċernata, jiġifieri l-operazzjoni tal-Komunità u l-ġestjoni relatata tagħha. Id-data personali tiegħek se tinżamm għal ħames snin wara l-aħħar interazzjoni tiegħek mal-pjattaforma. Imbagħad, id-data personali tiegħek titħassar, sakemm ma ġġeddidx l-interess tiegħek li tkun utent irreġistrat tal-pjattaforma.
Id-data personali tiegħek se titħassar mill-Pjattaforma qabel tmiem il-perjodu ta’ żamma ta’ ħames snin, fuq talba (ara l-Informazzjoni ta’ Kuntatt fit-Taqsima 8. hawn taħt).
Kif nipproteġu d-data tiegħek?
Id-data kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, ġabriet ta’ data, eċċ) jinħażnu jew fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea jew fuq tal-kuntratturi tagħha skont id-deċiżjoni tagħha C(2006)3602 tas-16 ta’ Awwissu 2006 dwar is-sigurtà ta’ sistemi ta’ informazzjoni użati mill-Kummissjoni Ewropea. Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbutin bi klawżola kuntrattwali speċifika għal kwalunkwe operazzjoni tal-ipproċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni.
Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?
Id-data personali kollha pprovduta minnek tista’ tiġi aċċessata mill-amministraturi tas-siti web (l-istaff tal-Kummissjoni), kif ukoll minn staff ieħor tal-Kummissjoni abbażi tal-ħtieġa tal-għarfien.
Id-data tiegħek tista’ tiġi aċċessata minn persuni oħra, skont id-drittijiet ta’ aċċess tagħhom:
- Bħala utent reġistrat, ismek, kunjomok u stampa tal-profil tiegħek jekk ipprovduta, kif ukoll il-kontenut ippowstjat, huma viżibbli għal kwalunkwe viżitatur tas-sit web, jekk tkun ingħaqadt ma’ komunità tematika miftuħa u/jew ippowstjajt kontenut fuq il-pjattaforma. Jekk int sempliċiment irreġistrajt fuq il-pjattaforma mingħajr ma twettaq ebda azzjoni oħra, din id-data ma tkunx viżibbli għall-viżitaturi u għal utenti oħra.
- Bħala utent reġistrat, ismek, kunjomok u stampa tal-profil tiegħek jekk ipprovduta, kif ukoll il-kontenut f’komunità magħluqa, huma viżibbli biss għall-membri ta’ din il-komunità. Il-viżitaturi tal-pjattaforma ma jistgħux jaċċessaw din id-data jekk ma jkunux membri ta’ din il-komunità magħluqa. Tista’ taċċetta jew ma taċċettax li tiġi kkuntattjat minn membri oħra (b’mod awtomatiku: le), ma hemm l-ebda possibilità li jiġu mblukkati utenti speċifiċi.
- L-informazzjoni pprovduta minnek bħala parti mit-talba biex tingħaqad ma’ kwalunkwe waħda mill-komunitajiet tematiċi tkun viżibbli mill-moderaturi tagħha. Dawn il-moderaturi jistgħu jkunu esterni għall-Kummissjoni (proċessuri tad-data).
Id-data personali addizzjonali pprovduta minnek bħala parti mill-profil tiegħek hija viżibbli biss għall-utenti rreġistrati tal-pjattaforma. Tista’ tikkonfigura l-konfigurazzjonijiet ta’ privatezza tal-kont tiegħek u tiddetermina liema minn din id-datapersonali hija viżibbli għal utenti oħra.
X’inhuma drittijietek u kif tista’ teżerċitahom?
Bħala utent reġistrat tal-pjattaforma ta’ Futurium, tista’ timmodifika jew tħassar id-data personali tiegħek fit-taqsima tal-profil tal-pjattaforma. Tista’ wkoll tbiddel jew tħassar il-kontenut ippowstjat minnek.
Tista’ wkoll titlob lill-kontrollur tad-data biex ineħħi l-profil tiegħek. Il-kontenut maħluq tiegħek fuq il-pjattaforma mbagħad jiġi anonimizzat.
L-imblukkar, ir-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali jistgħu jsiru fuq talba billi jsir kuntatt fuq dan l-email: cnect-futurium@ec.europa.eu.
Informazzjoni ta’ kuntatt
Jekk għandek kumment jew mistoqsija, xi tħassib jew ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, ħossok liberu li tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data permezz tad-dettalji ta’ kuntatt li ġejjin:
DG CONNECT Unit R.3 “Knowledge Management and Innovative Systems”
Building BU25
B-1049 Brussels
Email: CNECT-FUTURIUM@ec.europa.eu
Tista’ tikkuntattja wkoll lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni Ewropea: DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu
F’każ ta’ kunflitt, l-ilmenti jistgħu jiġu indirizzati lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) permezz tal-informazzjoni ta’ kuntatt li ġejja: edps@edps.europa.eu.
Tista’ ssib aktar informazzjoni dettaljata fir-Reġistru tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/info/about-european-commission/service-standards-and-principles/transparency/data-processing-register_mt